
Matul
konferenza ta’ l-aħbarijiet, l-Arċipriet taż-Żejtun
Fr Eric Overend, f’isem il-Kumitat għar-Restawr, ħabbar
li wara studju dettaljat tal-kundizzjoni tal-knisja
u rapport li sar minn espert fir-restawr u l-konservazzjoni,
f’Novembru li għadda tressqet applikazzjoni quddiem
il-MEPA biex jinbeda proġett ta’ konservazzjoni u restawr
tal-faċċati kollha tal-knisja.
Jekk dan il-proġett ikun approvat
u l-finanzi jippermettu, huwa ppjanat li jibda fi ftit
tax-xhur oħrajn u jitlesta f’madwar sitt snin.
L-Arċipriet Fr Overend qal li l-interventi
li huwa ppjanat li jsiru fuq il-knisja se jkunu konformi
mal-prinċipji etiċi ta’ konservazzjoni u restawr u se
tingħata attenzjoni speċjali fin-numru ta’ ġebel li
għandhom bżonn intervent biex kemm jista’ jkun jissalva
l-bini oriġinali.
Huwa ppjanat li l-ewwel fażi tax-xogħol
tkun it-tneħħija tal-kisi bis-siment li sar fis-snin
50 u li qiegħed jikkawża ħafna ħsara minħabba li l-umdità
qiegħda tirrovina l-ġebla li sa ftit taż-żmien ilu kienet
ġebla tajba. L-akbar ħsarat li fiha l-knisja huma l-gwarniċar,
fejn kien hemm saħansitra każi meta waqgħu biċċiet għal
fuq iz-zuntier.
Il-Perit Reuben Abela, wieħed mit-tim
responsabbli ta’ dan il-proġett qal li f’pajjiżna għandna
ħafna wirt storiku iżda min-naħa l-oħra għandna nuqqas
ta’ persuni tekniċi u nuqqas ta’ fondi biex imantnu
dan il-wirt kif xieraq.
Huwa qal li matul dawn l-aħħar 15-il
sena, il-bini tal-knisja taż-Żejtun iddeterjora ħafna,
kemm biż-żieda ta’ vetturi li ta’ kuljum jgħaddu minn
quddiemha, bil-venda tal-karozzi tal-linja li minkejja
li llum tneħħiet, kienet ilha ħdejn il-knisja għal ħafna
żmien u anke permezz tad-dħaħen tal-Power Station.
Huwa qal li t-tniġġis kimiku jagħmel
ħafna ħsara lill-ġebla Maltija u għalhekk il-bżonn ta’
dan il-proġett huwa urġenti qabel ikun tard wisq u nkomplu
nitilfu iżjed mill-oriġinalità tal-bini.Huwa stmat li
dan il-proġett jiġi jiswa mal-¢1 miljun.